By clicking “Accept”, you agree to the storing of cookies on your device to enhance site navigation, analyse site usage, and assist in our marketing efforts. View our Cookie Policy for more information.
All blog posts
6/12/23

nofs-djalogi_4

m'hemmx dubju li se niġi lura

u nkunlek mara oħra

 

ġismi kisja tartru

taħt difrejja żrar mill-art

għajnejja ġa daħlu f'qoxrithom

f'gerżumti maqbud l-għajjat taċ-ċawl

iżarrat it-tul tal-lejl

 

hawnhekk twil il-lejl, twil hawnhekk il-lejl

 

ir-russett jittanta jħares

iqis kull pass li nagħmel         ma nafx 

jindunax bin-nixfa f’għajnejja 

inserraħ ir-rota mal-ħajt ħdejn il-kanal

fejn hemm imħażżeż ismek                b'difri 

biex ma ninsiex           min int min kont mnejn int kif int fejn int  

 

hawnhekk twil il-lejl, twil hawnhekk il-lejl

u qed tara, ma ntbaħtx li r-russett tar 

noħroġ mill-but tal-jeans

il-ftit xagħar li ġennibt         li nsejjaħlu int

ir-russett jerġa' jitfaċċa minn imkien

iħares fiss f'għajnejja

ma jibżax jersaq           biex jinki biex jaħtaf biex jieħu biex jisraq iċarrat inaqqar 

hawnhekk twil il-lejl, twil hawnhekk il-lejl

xi darba kien hemm int iġġorni kull fejn tmur kull fejn tista' kull fejn tkun toħodni kull fejn ifakkrek fija u fik u fina kull fejn dħaqna kull fejn bkejt għalik jew int għalija kull fejn ħallejn'isimna warajna kull fejn blajna l-egżost f'kull post fejn drajna x-xemx fejn ħadna kafè kull post fejn ħallejna biċċa minna kull marka kull farka kull fejn blajna l-baħar u togħmnieh kważi ħelu u mbagħad mielaħ u mbagħad morr kull fejn intlaqna fuq ir-ramel kull fejn irqadna fuq il-blat kull post li fih tħanżirna kull post li tqalna li żvujtana kull post li ħaffifna li saħħanna kull post li fih irżaħna           tiftakar darba xtrajtlek xalla u wegħedtni li żgur żgur iġġorrni miegħek kull fejn tmur?

 

hawnhekk twil il-lejl, twil hawnhekk il-lejl 

naħseb li darba xtrajtlek xalla

imm'issa nsejt jekk, fuq kollox, kontx tajthielek

u xi ħaġa fija laħqet mietet

dan l-aħħar ittraduċejt is-silenzju

ma nafx fhimtux sewwa

għax ix-xita, hawn

dejjem 

nieżla