U issa jien hawn. Hawn fejn? Hawn hawn. Int hemm u jien hawn. Kemm hu importanti li ngħid fejn? Forsi mhux. Hawn, allura, jista’ ifisser li nista' nkun hemm imma m'iniex. Ifisser li int bqajt hemm u m'intx hawn. Ma ġibtekx miegħi. Ma ppakkjajtekx fil-bagalja u ġarrejtek s'hawn. Ifisser, allura, li se nkunu hekk, se nibqgħu hekk, jien hawn, int hemm. M'ilux kont għedtli li tixtieq tikteb xi ħaġa dwar x'inhi din l-hawn, kif tintuża minn nies differenti, għandek amment? Għedtli, xi tfisser hawn għalik? Xi rridu ngħidu biha eżattament meta ngħidu, jien hawn, int hemm. Hawn fejn? Skont mil-liema perspettiva tħares lejha? Skont fejn qiegħda fiżikament? Mentalment? Għax int tista' tkun hawn imma qiegħda hemm ukoll. Fl-istess waqt. Hekk kont għedtli, tiftakar? Bħalissa naf li int mhux fiżikament hawn. Jien bħalissa qiegħda f'appartament żgħir u mimli fjuri, għax ġew ħafna nies jarawni u kollha ġabu bukkett. Kemm huma sbieħ il-fjuri hux? U mela jien hawn, qalb il-fjuri. Naħseb li hawn dejjem se jkolli l-fjuri għax hija xi ħaġa t'hawn. Hemm, fejn hemm int, fjuri m'hemmx. Biex tixtri bukkett trid tonfoq wisq. Bis-sħana li tagħmel, jidbielu f’nifs. Avolja naf li daqt tagħlaq sninek u forsi nibgħatlek bukkett. Hekk għamilt sentejn ilu meta jien kont hawn u int hemm. Imma bħalissa ma nafx għandix nagħmel hekk. Forsi, minflok, intik iċ-ċavetta t'hemm u ngħidlek idħol, ara x'ħallejt warajja. Għax ħallejt ħafna frammenti minni, ara ssibx irkaptu, ara tiġborx xi ħaġa minni t'hemm. Wara kollox hemm fejn għext sa minn dejjem. U issa għandi 46. Kif nista' ma nħallinix hemm? Impossibbli nġorrni kollni. U forsi wkoll lanqas irrid. Imma xejn ma kienet faċli nagħżel xi nġorr. Kif taqbad tippakkja kollox f'bagalja 45x36x20? Se tiġrili kull darba li niġi hawn, din tal-ġarr? X'naqbad nieħu minn hemm, xi nġib miegħi? X'jappartjeni għal hemm u x'għandu jibda jokkupa spazju hawn? Ma nafx. Forsi minn issa 'l quddiem nista' niddikjara li dejjem se nkun maqsuma bejn hawn u hemm. Huma ħafna sħabna li jinsabu bejn żewġ pajjiżi, bejn hawn u hemm, la hawn u lanqas hemm, jew kif tikteb Elizabeth Grech bejn baħar u baħar. Hawnhekk m'hawnx baħar. U int taf kemm inħobb ngħum. In-nies xejn ma jiddejqu jgħumu fil-kanal il-qadim, u jista' jkun li xi darba nagħmel bħalhom. Imma l-ilma għalija, l-ilma ta’ fija għadu wisq marbut m'hemm. U mela allura l-kanal se ngawdih mill-qrib imma mhux minn fih. Bħalissa jien u nimxi mal-kanal qed nisma' l-poddati l-ġodda ta' PEN MALTA. Ma nafx xi tkun din li nisma' l-poddati bil-Malti. Meta beda l-poddati Jon Mallia bdejt nisma' tiegħu. Qisni nkun irrid nisma' l-lingwa tiegħi li ħallejtha hemm. Karl Schembri li qed jagħmel Antenni Suspettużi jibda billi jgħid li qiegħed hawn; l-hawn tiegħu l-Kenja. Jistaqsi lill-kittieba 2 mistoqsijiet: fejn huma u hemm fejn jiġi? Min jgħidlu fil-garaxx, min jgħidlu fil-kċina. L-hawn tiegħi tal-lum se jkun l-hemm tiegħi ta' ftit xhur oħra meta nerġa' niġi hemm. U jekk ma niġi qatt iktar hemm? Imma le, kif jista’ jkun. Għad għandi wisq bċejjeċ, wisq ħwejjeġ, wisq fdalijiet. Li għadni ma nafx hu jekk għandix ingawdihom dejjem hemm bħal kif ingawdi lilek, jew jekk għandix inġib kollox hawn u jkunu l-ħin kollu miegħi. Pereżempju kont se nġib miegħi ż-żinġla. Żinġla kbira minn dawk tal-fuħħar aħdar. Għandek amment? Għandi tnejn. Waħda minnhom kbira mhux ħażin u antika. Kienet taz-zija ta' ommi li ħadtha mid-dar tagħha m'ilux meta ommi u ħutha kienu qed inaddfu u jbattlu. Żinġla li ntirtet minn id għal oħra. Kienet tan-nanna t'ommi u forsi anki ta' ħutha u mbagħad għaddiet għal għand uliedha, jiġifieri omm ommi u oħtha imma omm ommi ma kinitx tħobb issajjar, din ġa għedtha xi mkien, jidhirli f'Roża u allura kienet tużaha biss iz-zija Mer. Fuq iz-zija Mer ma ktibtx wisq u hemm ħafna xi ngħid, naf żgur li xi darba ktibt li kienet tagħmel il-fjuri, jiġifieri l-arranġamenti tal-fjuri, imma bħalissa nsejt fejn ktibtha u żgur mhux forsi li fadalli patafjun x'nikteb dwar iz-zija Mer. Ommi tgħid kif kull nhar ta' Sibt, kienu jagħmlu l-għaġina tar-ravjul (dik bla bajd) u jifirxu kollox fuq il-mejda l-kbira (li għadha hemm) u 'qas tiftakar kemm-il tużżana kienu jagħmlu. Ħafna. Imbagħad mietet iz-zija Mer u diż-żinġla ma baqgħetx tintuża. Ommi wkoll ma tħobbx issajjar wisq, ħutha bħalha. Iż-żinġla baqgħet magħluqa fil-kabord ta' fuq il-kċina qalb il-wirdien u kull xorta oħra ta' insett. Issa tinsab għandi. Imma mhix hawn. U jien inħobb insajjar. Hawnhekk għandi mejda kbira fejn nagħmel l-għaġina tar-ravjul (jien bil-bajd nagħmilha imma) u nifrex u naqta' u nimla u taf int kemm jiġini tajjeb. Naħseb li darb'oħra nġib iż-żinġla. Nara li nkeffinha sewwa biex ma tinkisirx. Imma naħseb li aħjar tkun hawn milli hemm, magħluqa f'dar differenti minn dik li għexet fiha għal tul ta' snin imma xorta weħedha, hemm, fid-dlam. Imbagħad l-hemm tagħha ma jibqax iktar. Isir hawn, issir hawn, insir hawn, ninsab hawn. Fejn m'hawnx int. Anki jekk bħalissa naf fejn int. Naf li qed issellem lill-kollega u ħabib tagħna Karl Chircop li la jinsab hawn u lanqas hemm imma xi mkien fejn is-silenzju nifed u baqa' u ma nafx jekk huwiex assolut das-silenzju li tkeffen fih imma naf li Karl la hu hawn, u lanqas hemm. Jew forsi qiegħed hawn u hemm f'daqqa. U aħna nistgħu biss niftakruh magħna, jien f'dan l-hawn tiegħi, int f'dak l-hemm tiegħek.