Din il-ġabra ta' poeżiji li editjajt flimkien ma' Miriam Calleja għadha kif ġiet ippubblikata minn PEN Malta u Midsea Books. Hija ġabra-mafkar. Mafkar li se jibqa', li mhux se jkissrulna u ma jistgħux ineħħulna. Dal-versi-fjuri-jnemnmu ma jistgħux jiġu xkupiljati, ma jistgħux jiġu mormija. Dal-versi se jibqgħu. Dal-poeżiji ġew stampati biex niftakru u nfakkru. Niftakru f'dak li qalet Daphne, infakkru lil dawk ta' fuqna li mhux se naqtgħu qalbna. Dal-versi jirrakkuntaw lil Malta mill-ġdid, lil Malta ta' qabel il-bomba u Malta ta' wara l-bomba. Din hija l-protesta tal-poeti, xi drabi rrabjata, drabi oħra siekta, f'xi waqtiet b'qalb maqtugħa, f'waqtiet oħra mimlija tama.
